B’investiment sostanzjali ta’ miljuni ta’ ewro, ġiet inawgurata l-binja l-ġdida tal-BOV Premium Banking li se sservi bħala ċentru għal Wealth Management u Corporate Services.
Dan hekk kif f’dawn l-aħħar snin dawn iż-żewġ servizzi speċjalizzati lill-istess persuni kienu jingħataw minn żewġ postijiet differenti. Għalhekk l-amministrazzjoni tal-BOV ħasset li dawn tibda toffrihom taħt saqaf wieħed biswit iċ-Ċentru tal-Bank of Valletta.
Il-binja li fiha ser ikunu qed jaħdmu 80 persuna hija attrezzata bl-aktar faċilitajiet moderni u ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Schembri qal li s-settur bankarju huwa wieħed mill-aktar sensittivi u għalhekk iżjed investiment jibgħat sinjal ta’ fiduċji u huwa kruċjali li l-banek jibqgħu jinvestu. Fid-diskors tiegħu Schembri kkundanna dak li qal l-Ewro Parlamentari Sven Giegold li qal li se jibda kampanja biex bank partikolari jitlaq minn pajjiżna.
Min-naħa tiegħu l-Professur Scicluna sostna li l-banek huma l-vibra tal-ekonomija Maltija. Madankollu huwa tkellem dwar l-artiklu diżappuntanti li deher dalgħodu fil-Financial Times li qal li l-Kummissjoni Ewropea se tordna lil pajjiżna biex issaħħaħ proċeduri fil-Financial Intelligence and Analysis Unit l-FIAU.
Huwa qal kif f’laqgħa li hu kellhu mal-Kummissarju Ewropew Vera Jourova hija apprezzat l-isforz u l-progress kbir li għamel pajjiżna fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus.
Qal kif kollox jindika kif ser tibda kalunja kontra pajjiżna mill-midja barranija u ma’ ċaħadx li wara din il-kampanja hemm imħuħ u idejn moħbija. Scicluna temm jgħid li Malta qed titlob lill-Kummissjoni Ewropea li tiġi ttrattata daqs pajjiżi oħra, xejn iżjed u xejn inqas filwaqt li qal li hu diżappuntanti kif Malta tiddaħħal fi proċeduri minħabba pajjiżi oħra.