Ġiet inawgurata l-binja tal-uffiċini l-ġodda ta’ SiGMA Group f’Ħal Balzan. Dan seħħ wara tkabbir sostanzjali li kellha din il-kumpanija fl-aħħar snin u għalhekk ikompli jikkonferma r-rwol ewlieni li Malta għandha fil-qasam tal-iGaming u fis-settur tal-konferenzi internazzjonali.
Għal din l-inawgurazzjoni kienu preżenti l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.
SiGMA Group, magħmul mill-kumpaniji MedTech World, Ikigai Ventures, iGaming Academy u Wicked Games, u beda minn uffiċċju żgħir f’Malta, illum kiber f’organizzazzjoni internazzjonali b’aktar minn 250 impjegat f’diversi pajjiżi.
Din is-sena biss, SiGMA mistennija torganizza seba’ avvenimenti ewlenin, li se jiġbdu aktar minn 100,000 delegat, inkluż SiGMA Euro-Med f’Settembru li ġej fil-Malta Mediterranean Hub tal-Marsa.
Waqt żjara fil-binja tal-uffiċini l-ġodda, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-pass mhux biss għal SiGMA, imma wkoll għall-ekonomija Maltija.
Dr Abela tenna li l-industrija tal-iGaming tibqa’ waħda mill-pedamenti ekonomiċi ta’ Malta, u permezz ta’ regolamentazzjoni soda, innovazzjoni teknoloġika u talent eċċellenti, se tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ewlieni fil-qasam tal-logħob diġitali.
Il-fundatur ta’ SiGMA Group, Eman Pulis, esprima l-entużjażmu tiegħu għal din il-fażi ġdida f’Malta, filwaqt li żied jgħid li, matul din is-sena, l-organizzazjoni se tkun qed testendi l-preżenza tagħha b’uffiċini ġodda f’Noida, l-Indja, u f’Belgrad, fis-Serbja, filwaqt li s-sena d-dieħla se jsiru żviluppi strateġiċi f’Ċipru, Manila u São Paulo, il-Brażil.
Dan se jsaħħaħ il-konnettività globali tal-kumpanija Maltija u jkompli jrawwem l-integrazzjoni kulturali bejn il-pajjiżi minn fejn joperaw.
Pulis aċċenna li l-għan aħħari hu wieħed ċar, dak li jsiru fost l-aqwa tliet mexxejja ewlenin fil-qasam fuq livell dinji.
Dan l-investiment mhux biss isaħħaħ il-preżenza ta’ SiGMA f’Malta, iżda juri wkoll il-potenzjal enormi li għandha l-industrija tal-konferenzi internazzjonali.
Il-Gvern diġà qed jappoġġja dan it-tkabbir billi jħejji l-pjani għal ċentru tal-konferenzi, li se jkompli jsaħħaħ is-settur turistiku u ekonomiku ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq il-kwalità.