Il-Gvern inawgura binja ġdida ta’ Akkomodazzjoni Soċjali f’Ħaż-Żebbuġ.
Binja li se tkun qed tilqa’ fi ħdanha 8 familji ġodda li għaddew minn proċess ta’ applikazzjoni u verifika.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes bit-tema Malta Ċertezza u Stabbiltà hekk kif spjega li ma’ dawn il-familji oħrajn se jkunu qed jiżdiedu fiż-żmien li ġej hekk kif qed jitlestew aktar binijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Roderick Galdes ħabbar li dawn it-tmien familji se jkunu qed jingħaqdu ma’ 70 familja oħra li ngħataw post f’binja ġdida oħra ta’ akkomodazzjoni soċjali ġewwa tas-Sisla fis-Swatar, Birkirkara.
Il-Ministru Galdes stqarr illi familji li ffaċċjaw sfidi soċjali matul iż-żmien, illum qed jingħataw ċans li jgħixu ħajjithom f’ambjent diċenti u stabbli.
Il-Ministru ħabbar ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jiżdiedu aktar familji li jidħlu jgħixu f’dar ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali, dan hekk kif il-programm ta’ bini ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali qiegħed ikompli miexi minkejja l-isfidi li proġett maġġuri bħal dan iġib miegħu.