Fil-Gudja, ġiet inawgurata berġa tas-saħħa, li se tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u li se toffri servizzi differenti kuljum lir-residenti tal-Gudja u tal-madwar.
Fost is-servizzi offruti f’din il-berġa hemm il-klinika tat-tabib tal-familja u tal-infermiera, u servizzi ta’ fiżjoterapija, podjatrija u teħid tad-demm.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, aċċenna fuq il-politika tal-Gvern li jinvesti f’bereġ fil-komunità biex is-servizzi jkunu aktar viċin iċ-ċittadin.
Qal ukoll li l-bereġ kollha f’Malta u f’Għawdex qed ikollhom sehem importanti fil-ġlieda ta’ Malta kontra l-COVID-19.
Qal kif, “F’dawn il-ġimgħat se nkunu qegħdin nużaw din il-berġa biex nagħtu minn hawnhekk, it-tilqim tal-Coronavirus lir-residenti tal-madwar. B’hekk inkunu qed inwasslu aktar servizzi tas-saħħa viċin il-poplu tagħna biex nagħtu dejjem servizz aħjar lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha.”
Ix-xogħol f’din il-berġa sar bi flus mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li d-dħul tal-NDSF ġej kollu mill-programm taċ-ċittadinanza, u għalhekk huwa importanti li l-pajjiż jibqa’ jsostni u jtejjeb dawn it-tipi ta’ programmi.
Spjega, “Dak l-investiment barrani dirett, qed naraw kif qed jgħin b’mod dirett lill-komunitajiet tagħna. Dawk flus li qed imorru sabiex il-komunitajiet tagħna jingħataw dawn is-servizzi ġodda ġo dan ir-raħal tal-Gudja u se jkollok komunità li tassew se tkun moqdija aħjar.”