Fl-isptar Mater Dei ġiet inawgurata t-tieni Angiosuite b’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro. Dan bħala parti mix-xogħlijiet li qed isiru fid-Dipartiment tal-Medical Imaging.
Din l-angiosuite ġdida bl-aħħar teknoloġija ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li qal kif il-Gvern baqa’ jinvesti fl-isptar minkejja l-pandemija tal- COVID-19.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif din is-sala se tippermetti sabiex isiru interventi kirurġiċi li ma kinux isiru qabel.
Innota kif ta’ kuljum isiru madwar għaxar u ħmistax-il każ u din is-sena sa issa saru aktar minn tlett elef każ.
Iċ-Chairman tal-Medical Imaging Dr Kenneth Saliba qal kif din il-magna ġdida tgħin lill-professjonisti sabiex ineħħu tumuri.
Dr Saliba qal, “Din il-magna ħa żżidilna number one hija magna iktar avvanzata li tippermettilna naraw arterji żgħar ħafna. Hawnhekk aħna qed nitkellmu fuq arterji li huma minuskoli u ma tistax tarahom b’x-ray normali, trid dan it-tip ta’ apparat biex tara dawn l-arterji u l-vini.”
Din il-magna se tgħin lill-professjonisti biex permezz t’hekk issalva ħajjet in-nies.
Dr Saliba sostna, “Ħa ttina l-possibiltà li nittrattaw li jkollhom bżonn intervent fuq bażi ta’ emerġenza, bħal xi ħadd li jkollu stroke, li ndaħħluh fit-teatre l-ieħor u f’din il-kamra se nagħmlu x-xogħol li jkollna tal-ġurnata. Ukoll tippermettilna nagħmlu interventi fuq bażi ta’ emergenza, meta jkollna nies li jkunu qed jitilfu ħafna demm, tipikament minn ġoż-żaqq jew anke xi inċident tat-traffiku.”