Ġie inawgurat uffiċjalment il-Youth Hub ġdid fil-kampus tal-MCAST ta’ Raħal Ġdid. Dan il-youth hub se joffri spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jikbru u jitgħallmu b’mod attiv u prattiku.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti.
L-ispazju l-ġdid jinkludi żoni komdi fejn l-istudenti jistgħu jirrilassaw, kif ukoll uffiċċju ġdid iddedikat għall-Kunsill Studenti tal-MCAST.
Dwar din l-inizjattiva ikkummenta l-Ministru Clifton Grima.
“Liema spazju fejn l-istudenti jistgħu jitkelmu, jistgħu jiddiskutu u fuq kollox għandek element qawwi soċjali fih, kif ukoll għandek l-aspett tal-attiviżmu taż-żgħażagħ, żgħażagħ tal-Kunsill Studenti tal-MCAST illi qegħdin jaħdmu hawnhekk ma’ professjonisti f’ambjent li huwa rilassanti, f’ambjent li jkompli jagħti aktar realtajiet importanti lill-kampus tal-MCAST ġewwa Raħal Ġdid.”
Dan il-Youth Hub se jmexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ, filwaqt li jopera b’tim ta’ youth workers imħarrġa li joffru appoġġ kontinwu u jorganizzaw attivitajiet edukattivi, kreattivi.
Dan l-ispazju se jintuża wkoll bħala ċentru ta’ workshops għall-istituti tal-Mosta, Ħal Qormi u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq li l-MCAST Youth Hub huwa prova ċara tal-impenn tal-Gvern li jagħti valur lill-edukazzjoni mhux formali.
“Dan huwa spazju mhux biss jistgħu jirrikrejaw ruħhom imma spazju li permezz tal-preżenza tal-youth workers minn Aġenzija Żgħażagħ, jistgħu huma jesprimu ruħhom kif ukoll jagħtu l-veduti u l-ideat tagħhom fuq suġġetti li jkunu qed jolqtu lilhom iż-żgħażagħ.”