B’investiment ta’ ħamsa u ħamsin elf ewro minn fondi Ewropej ġew inawgurati x-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni li saru fiż-żoni ta’ Wied iż-Żurrieq u l-Ġibjun taż-Żurrieq. Dawn kienu jinkludu fost l-oħrajn it-tħawwil ta’ siġar, installazzjoni ta’ bankijiet ġodda magħmula minn materjal riċiklat, kif ukoll twaħħil ta’ tabelli ta’ informazzjoni li jirrakkontaw l-istorja naturali taż-Żurrieq.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima appellat lil kul min iżur dawn l-inħawi biex igawdi ż-żona u jirrispetta x-xogħlijiet li saru u l-ambjent tal-madwar.
Qalet kif, “Qegħdin insebbħu dan l-ambjent, għamilna bankijiet, ħawwilna siġar indiġeni u hawn ambjnet fejn jirilassaw ħafna huma u barra li nispera li jiġu hawnhekk u jieħdu pjaċir ma jagħmlux vandaliżmu u ma jkissrux u jħallu nadif kif isibu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dawn il-fondi qed jgħinu biex tissaħħaħ l-infrastruttura ħadra fl-inħawi rurali tal-lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Qal, “Dawn huma fondi li ġejjin mill-programm /Leader li permezz tagħhom il-Kunsilli Lokali jistgħu jagħmlu aktar investiment u tisbieħ. B’hekk dawn il-fondi qed imorru dirett f’dawn il-lokalitajiet.”
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif dawn il-proġetti qed ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet Maltin filwaqt li jsaħħu l-aspett ambjentali fl-irħula.