B’investiment ta’ madwar €12,500 sar xogħol ta’ tisbiħ fil-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħaż-Żebbuġ.
F’dan ix-xogħol li sar mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi sar tikħil u żebgħa mal-faċċatta, mal-pitch u fuq il-bejt, saret xibka mal-pitch għal sigurtà aħjar, u siġġijiet sabiex dawk li jsegwu jkunu aktar komdi.
Din ir-riġenerazzjoni ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, li qal kif il-gvern jinsab kommess li jkompli jinvesti fil-kommunitajiet kollha tal-pajjiż.
Qal ukoll li l-gvern se jkompli jaħdem biex l-għaqdiet sportivi jkollhom faċilitajiet mill-aqwa.
Il-Ministru Borg stqarr, “Il-Public Works, id-dipartiment li jaqa’ fil-Ministeru tal-Infrastruttura għen diversi dixxiplini sportivi, jekk hux il-go karts, jekk hux futbol, jekk hux hill climb u sports ieħor.”
Il-President tal-Klabb Robert Mercieca qal kif dan il-proġett kien ta’ għajnuna kbira għaliex issa, id-dilettanti ta’ dan l-isport se jkunu ferm aktar sigurti waqt it-taħriġ.
“Barra li huwa tisbiħ, huwa safety ukoll għan-nies hu u issa ġie aktar ta’ attrazzjoni bis-seats. Aktar ġie klabb li jigbed in-nies hu.” Sostna Mercieca.
Dan l-investiment intlaqa’ tajjeb mad-dilettanti ta’ dan l-isport tradizzjonali Malti, li fuq wiċċhom deher is-sodisfazzjon li sar dan ix-xogħol.