Ġie inawgurat xogħol ta’ titjib u tisbiħ f’Dar Sebħ Ġdid fl-Isptar Monte Karmeli.
Din is-sala, li tinsab fin-naħa ta’ barra ta’ dan l-isptar, se tkun ċentru ta’ rijabilitazzjoni għal dawk li jkunu fil-proċess li joħorġu minn dan l-isptar.
Is-sala ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li qal li din is-sala se tilqa’ erbatax-il pazjent, li se jgħixu f’dan il-post f’ambjent ta’ dar.
Dan huwa post fejn il-pazjenti li jkunu viċin li joħorġu mill-isptar ikunu qed jgħixu f’ambjent xieraq u dinjituż.
Id-Deputat Prim Ministru qal li din l-inawgurazzjoni hija parti minn kullana ta’ proġetti li qed isiru f’dan l-isptar u parti mill-istrateġija tal-Gvern għal perjodu ta’ għaxar snin fil-qasam tas-saħħa mentali.
Chris Fearne spjega li f’din is-sala kien hemm pazjenti li kienu ilhom jgħixu hemmhekk snin twal u li s-sena li għaddiet ġew rilokati għal dar f’Raħal Ġdid. Minn hemmhekk beda xogħol ta’ tisbiħ u rinnovar ta’ din il-binja.
Qal, “Dawn il-pazjenti li kellna hawnhekk, u kienu ilhom snin twal, fil-verità ma kellhomx għalfejn ikunu f’Monte Karmeli. Issa kważi kollha ħriġnihom u, jekk fadal xi ftit, inkomplu noħorġuhom ukoll. Imbagħad, l-ambjent tal-isptar tagħna rridu nagħmluh tali – jew qed jagħti l-kura jew qed jirċievi l-kura – hawnhekk ikollu esperjenza kemm jista’ jkun tajba.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru semma kif, fi żmien sitt xhur, minn mindu twaqqaf is-servizz ta’ Crisis Team, kien hemm mija disgħa u ħamsin pazjent li għamlu użu minn dan is-servizz. Hawnhekk, dawn il-pazjenti bdew jieħdu l-kura li kien hemm bżonn.
Id-Deputat Prim Ministru qal li mija u ħamsin pazjent minnhom baqgħu jieħdu l-kura ’l barra mill-isptar u b’hekk baqgħu jgħixu fil-komunità.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni għas-Saħħa Mentali, il-Professur Anton Grech qal li r-rijabilitazzjoni hija importanti ħafna fil-kura ta’ problemi ta’ saħħa mentali.
Qal, “Il-kura hija ħolistika. Għandek aspett psikoloġiku, soċjali u mediċina, fejn hemm bżonn, u din it-tip ta’ kura li qed insemmi tar-rijabilitazzjoni, mainly b’occupational therapy u teams sħaħ, nurses. Ikun tim sħiħ jgħin għal dan ir-rigward.”