B’investiment ta’ madwar €300,000 iffinanzjati minn fondi Ewropej ġew inawgurati x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li saru fil-Mużew tal-Katidral fiċ-Ċittadella.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, u l-Vigarju Ġenerali Mons. Tarċisju Camilleri.
Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’rinnovazzjoni sħiħa tal-binja tal-mużew kif ukoll it-titjib fl-aċċessibbiltà għal persuni b’diffikultà ta’ mobbiltà, kemm f’termini ta’ aċċess estern fid-daħla tal-mużew kif ukoll tibdiliet interni bħall-installazzjoni ta’ lift aċċessibbli mis-sulari kollha tal-mużew.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, finituri, u xogħlijiet anċillari oħra bħal sistemi elettriċi, plumbing u sistemi ta’ ventilazzjoni. Barra minn hekk, ġie installat ukoll tagħmir awdjoviżiv biex tissaħħaħ l-esperjenza tat-turiżmu kulturali u reliġjuż.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-investiment fil-patrimonju lokali huwa l-aħjar mezz biex nassiguraw li l-preġji ta’ pajjiżna jkunu preservati u protetti, imma fl-istess waqt jitgawdew mill-pubbliku u t-turisti li jogħġobhom iżuru pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li b’investiment ta’ €2.3 miljun twettaq xogħol ta’ konservazzjoni, restawr, u rinnovar fuq 16-il proġett li jinsabu fi 11-il lokalità f’Għawdex fosthom fir-Rabat, ix-Xagħra, Għarb, Għasri u Sannat. Is-segretarju parlamentari qal li €1.7 miljun minn dan l-investiment huma fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-mexxej ta’ dan il-proġett Noel Formosa tkellem dwar l-importanza ta’ dan l-investiment u kif il-mużew se jservi ta’ attrazzjoni oħra fiċ-Ċittadella.