Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq pittura tas-seklu 19, ta’ Giuseppe Cali, fil-Kolleġġjata, Arċimatriċi u Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. Ma’ din il-pittura ġew irrestawrati wkoll kwadri laterali maħduma fi stil Barokk Naplitan.
Dan hu parti minn proġett komprensiv minn fondi tal-Kunsil Malti għall-Arti.
Ir-Rettur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp Antoine Attard fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi spjega li dan il-kwadru huwa wieħed mil-ewwel xogħlijiet tal-artist Giuseppe Calì.
Huwa qalilna, “Din il-pittura tant importanti, mhux biss għall-parroċċa tagħna, iżda wkoll fuq livell nazzjonali, hija pattrimonju nazzjonali. Hija pittura ta’ Giuseppe Calì u magħha jżanżnu kwadri laterali oħra attribwiti lil Gianni Buhagiar.”
Waqt ir-restawr ġew innotati karatteristiċi li qabel ma kinux jidhru, fosthom raġġ li jidher ħiereġ mill-Ispirtu Santu u nieżel fuq San Ġużepp.
Attard spjega wkoll li tul din is-sena, il-Fratellanza se tkompli tikkommemora il-150 sena anniversarju mill-proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Universali permezz ta’ restawr fuq il-pedestall u l-vara ta’ San Ġużepp.
Attard kompla jispjegalna: “F’Novembru li ġej se nkunu qegħdin inżanżnu xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa ta’ San Ġużepp, xogħol tal-injam mid-ditta Ortisei Bolzano u xogħol ta’ restawr fuq il-pedestall ta’ San Ġużepp li huwa ddisinjat mill-Artist bravu Abraham Gatt.”