B’investiment ta’ madwar €75,000, ġie inawgurat ir-restawr li sar fuq ir-ravelin fit-triq u d-daħla ewlenija taċ-Ċittadella.
Dawn ix-xogħlijiet saru fuq żewġ fażijiet, biex ġie ppreservat dan il-bini strateġiku mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Fost ix-xogħlijiet li saru fl-ewwel fażi kien hemm dawk fiż-żona tal-ħaxix sintetiku fin-naħa ta’ fuq tal-istruttura, li tneħħiet peress li s-sistema tat-tisqija tagħha kienet qed toħloq ħsarat serji fil-ħitan tal-madwar.
Saru wkoll il-culverts u pavimentar b’ġebel tal-qawwi.
Fit-tieni fażi sar ir-restawr u l-manutenzjoni tal-ħitan tal-madwar, inxtraw bankijiet għar-rikreazzjoni, saret illuminazzjoni ġdida u ġew installati railings tal-istainless steel li jikkumplimentaw dawk tal-faċċata.
Id-Direttur għall-Wirt Kulturali, John Xuereb spjega li dan ir-restawr huwa parti żgħira minn programm sħiħ ta’ manutenzjoni li hemm maħsub għaċ-Ċittadella fix-xhur li ġejjin.
Xuereb spjega, “Dan ir-ravelin huwa post militari importantissimu li kellu bżonn ir-restawr. Kienet qed issir ħafna ħsara lill-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ taħtu li jmorru lura għaż-żmien ir-Rumani minħabba t-turf areas li kien hemm fuqu.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri tenna l-impenn tal-Ministeru li jibqa’ jwettaq proġetti simili fil-gżira tat-tliet għoljiet, b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Il-Ministru tenna, “Tajna lura lill-pubbliku żona li tista’ titgawda minn dawk kollha li jżuru dawn l-akkwati u għaldaqstant nirringrazzja wkoll lid-Direttorat responsabbli tax-xogħol siewi anki li jagħmel fil-qasam tar-restawr ġewwa l-gżira Għawdxija.”
Issa li din iż-żona reġgħet ingħatat il-glorja tagħha, tista’ terġa’ tibda titgawda mill-eluf ta’ Għawdxin, Maltin u anki turisti li jżuru dan is-sit storiku u prominenti fil-kapitali Għawdxija.