Ġie inawgurat xogħol ta’ restawr li sar fl-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt b’investiment ta’ wieħed punt seba’ miljun ewro minn fondi nazzjonali.
Ix-xogħol li sar kien jinvolvi ir-restawr sħiħ taż-żewġ oratorji, dak tal-Onorati u dak tal-Immakulata Kunċizzjoni, bir-restawr sar mid-Diviżjoni tar-Restawr u Preservazzjoni.
Issa iż-żewġ oratorji jistgħu jerġgħu jibdew jintużaw mill-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti kemm għal skopijiet kulturali u kemm għal skopijiet reliġjużi.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fejn enfasizza l-importanza ta’ restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt importanti.
Saħaq li mill-2015 sal-lum, apparti mir-restawr tal-oratorji, sar ukoll xogħol ta’ restawr tal-bejt, tal-koppla, tal-kupletti ta’ fuq il-kappelli, il-kampnar u r-restawr tal-faċċati tal-Knisja fi Triq il-Merkanti, Triq l-Arċisqof u Triq San Pawl b’investiment għal darb’oħra ta’ fondi nazzjonali.
Qal, “Dawn l-ispazji se jintużaw ukoll għal skopijiet kulturali u allura qed nara l-possibiltà li issa dawn l-ispazji jmorru lura għand il-poplu mma wkoll jattiraw turisti u jattiraw nies li jixtiequ jattendu għal diversi attivitajiet li jittellgħu matul iż-żmien. Dan mhux l-unika proġett, għax diġà beda r-restawr fuq il-parti ta’ ġewwa tal-knisja ta’ fejn isiru l-gradwazzjonijiet.”
Apparti x-xogħlijiet fuq l-Oratorju tal-Onorati ġew inawgurat wkoll ir-restawr ta’ diversi pitturi b’investiment ta’ aktar minn mitejn u sbatax-il elf ewro minn fondi Ewropej.
Il-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet spjega kif il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġizwiti bi pjaċir tara r-rizultati viżibli li diġà nkisbu fil-konservazzjoni u r-restawr taż-żewg Oratorji u s-sagristija ta’ dan il-kumpless monumentali.
Qal, “Huwa ta’ pjaċir kbir li qed inroddu lura lill-poplu Malti spazju ieħor importanti fil-qalba tal-Belt Valletta dan l-Oratorju msejjaħ tal-Onorati.”