Ġie inawgurat xogħol ta’ rinovazzjoni teknoloġika fix-xelter tal-Mellieħa sabiex ikun aktar aċċessibbli għat-turisti li jiġu jżuru din il-lokalità.
B’investiment li jlaħħaq kważi t-tlieta u erbgħin elf ewro x-xelter ġie mgħammar b’installazjoni ta’ wiring ġdid, sistema ġdida ta’ ħoss biex ittejjeb l-esperjenza tal-viżitatur billi tirreplika ħsejjes mill-jiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, u kif ukoll apparat ieħor intiż biex jippreveni ħsara minn kundizzjonijet umdi taħt l-art.
Dan ix-xogħol sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa, is-soċjetà li tħares il-preservazzjoni ta’ dan ix-xelter.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa Joe Debono tenna li l-għaqda Korali u Orkestrali Marija Bambina ilha tinvesti f’dan ix-xelter mill-2004 u matul is-snin minħabba l-umdità l-apparat qdiem u kien importanti li jinbidel sabiex it-turisti u l-Maltin li jżuru dan ix-xelter ikollhom esperjenza aħjar.
“Hemm ħafna huma interessati ħafna f’dan is-suġġett u jiġu minn barra minn Malta apposta biex jaraw dan ix-xelter. Huwa xelter kbir, huwa xelter qed jintuża mhux biss għat-turiżmu imma anka għall-films u aħna mill-għaqda tagħna qed inkomplu naħdmu biex inkomplu inkabbru l-fama ta’ dan il-post u dan l-investiment żgur ħa jgħin biex inkomplu nkattru dan il-wirt.”
F’kelmtejn għal din l-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif l-investiment f’dan ix-xelter huwa timbru ieħor fl-isforzi tal-Gvern biex il-prodott turistiku jgħaddi għal livell li jmiss f’dak li hija kwalità, konsistenza u mmodernizzar.
“Dan kollu ser jgħin biex id-destinazzjoni turistika Melliħija tkompli togħla ‘l fuq fil-livell tagħha u awtomatikament inkomplu ngħollu wkoll il-prodott turistiku Malti li qed naraw li fiż-żmien li ġej inkomplu ngħollu l-livell ta’ kwalità tal-attrazzjonijiet kulturali li għandna f’pajjiżna mhux biss fil-Mellieħa imma madwar il-pajjiż kollu.”
Preżenti wkoll għal din l-inawgurazzjoni kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, u għaqdiet lokali mis-soċjetà Mellieħija.