B’investiment ta’ ħamsin elf ewro, ġie inawgurat ix-xogħol li sar fis-sala ewlenija taċ-Ċentru taż-żgħażagħ u l-adoloxxenti fin-Nadur.
Dan il-proġett, fil-komunità tan-Nadur, ġie ffinanzjat mill-iskema MICE, li hija wkoll miżura tal-budget, sabiex issa f’ din is-sala jistgħu jibdew jittellgħu l-konferenzi.
Is-sala issa tesa’ aktar minn mija u ħamsin persuna u saret iktar aċċessibbli għal kulħadd.
Waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet li saru f’din is-sala, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, tenna li jinsab sodisfatt bil-livell ta’ xogħol li sar f’dan iċ-ċentru. Spjega kif ġie installat apparat awdjoviżiv bħala parti mill-proġett. Il-post sar wieħed iżjed sigur ukoll bl-installazzjoni ta’ aperturi ġodda u tagħmir teknoloġiku. “Permezz ukoll ta’ finanzjament tal-iskema MICE in-Nadur Youth Centre ibbenifika minn ħamsin elf ewro sabiex illum il-ġurnata għandna sala li hija aċċessibli għal kulħadd għaliex sar ukoll investiment fejn tidħol l-aċċessibilità permezz ta’ lift li jwassal sa kull sular. Però aktar minn hekk ukoll sar referbishment sħiħ ta’ din l-istess sala.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana, qal li dan l-investiment mistenni jkompli jtejjeb ukoll l-aspett ta’ turiżmu reliġjuż fil-Gżira ta’ tliet għoljiet. “Din iż-żona hija waħda magħrufa bħala MICE. Meetings Incentives Conferences and Exhibitions u b’hekk issa anka fir-raħal tan-Nadur għandna dan l-attrazzament li partikolarment għandu l-kapaċità li jiġbed turiżmu reliġjuż.”
Dun Mark Bonello li jieħu ħsieb dan iċ-ċentru, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li permezz tiegħu seta’ jseħħ dan il-proġett tant bżonjuż.