Ġie inawgurat l-MCAST Wellbeing Hub – ċentru li bil-kontribut ta’ diversi professjonisti, se joffri servizzi varji ta’ prevenzjoni lill-istudenti żgħażagħ bil-għan li jwittilhom it-triq għal ħajja b’saħħitha.
Iċ-ċentru se jagħti importanza kbira lis-servizzi ta’ saħħa mentali, fi sfond li żewġ terzi ta’ problemi psikjatriċi serji jibdew fiż-żgħożija.
Minbarra servizzi ta’ saħħa mentali, il-professjonisti fiċ-ċentru se jagħtu pariri lill-istudenti dwar kif jgħixu stil ta’ ħajja aħjar, x’ikel għandhom jieklu, pariri dwar il-ħajja sesswali tagħhom u għajnuna biex iwaqqfu l-vizzji.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota li din il-klinika tmur paripassu ma’ strateġija msejsa fuq il-prevenzjoni ta’ mard fiżiku u kundizzjonijiet mentali.
“Ftaħna dan iċ-ċentru fl-MCAST bħalma għamilna s-sena l-oħra fl-Univeristà biex l-istudenti ta’ dan il-post inkunu nistgħu noffrulhom servizzi ta’ theraphy u ta’ pariri fuq saħħa mentali u nutrizzjoni, pariri fuq il-ħajja sesswali tagħhom u pariri biex inaqqsu ċertu vizzji bħat-tabakk f’eżerċizzju li jiswa’ għal ħajjithom kollha,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo nnota li filwaqt li trid issir ħidma biex jiġu elenkati fatturi li jikkaġunaw il-problemi fis-soċjetà, din il-klinika hija pass fid-direzzjoni t-tajba għax qed twassal l-għajnuna direttament għand iż-żgħażagħ.
Is-Senior Lecturer Gerard Said Pullicino, spjega x’għandha tagħmel persuna li tixtieq tieqaf mit-tipjip.
“Kemm tibgħat email lil tobacco…..isir appuntament ma’ professjonist apposta u jiġi shared mal-persuna u anki mal-professjonist, imbagħad isiru noti biex l-għajnuna tiġi mogħtija lil dik il-persuna u allura dak li jkollu bżonn l-għajnuna jista’ jeħodha minn servizzi tal-MCAST u ta’ dal-Wellbeing Hub,” qalet Said Pullicino.
L-istudenti li jridu jagħmlu użu minn din il-klinika għandhom jibagħtu email fuq indirizzi li twaqqfu apposta, biex jingħataw appuntament ma’ professjonist fil-qasam rispettiv.