L-għaqda volontarja St John Ambulance and Rescue varat tagħmir speċjalizzat li jikkonsisti minn Remotely Operated Vehicle, drone multifunzjonali, u anke scooters apposta li jintużaw taħt l-ilma. Dawn se jkunu qed jikkumplimentaw vetturi oħrajn li diġà tagħmel użu minnhom din l-għaqda.
Dan it-tagħmir speċjalizzat wasal permezz ta’ fondi allokati mill-Voluntary Organisations Project Scheme amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Waqt żjara li għamlet, akkumpanjata mill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Clinton J. O’Neill u d-Deputat Kummissarju tas-St. John Rescue Corps Christopher Borg Cardona, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li l-għaqda tipprovdi servizzi ta’ salvataġġ lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bih il-voluntieri mħarrġin jassistu f’emerġenzi u fiż-żamma tas-sigurtà pubblika waqt avvenimenti nazzjonali fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li, matul din is-sena, il-volontarjat se jibqa’ jitpoġġa fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Gvern u tenniet li skemi bħal dawn se jkunu qed iħallu ġid tanġibbli fil-komunità.
“Dawn huma proġetti tanġibbli fil-komunità li, grazzi għal dawn il-fondi, jistgħu jkomplu jagħmlu d-differenza… differenza fit-taħriġ imma wkoll f’sitwazzjonijiet ta’ salvataġġ li jkun hemm bżonn fis-soċjetà minn żmien għall-ieħor”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li, permezz tal-iskema VOPs, bosta għaqdiet volontarji, fosthom is-St. John Rescue Corps, qed ikomplu jtejbu s-servizzi tagħhom.
“Dan hu proġett ieħor grazzi għall-fondi li qed jitqassmu min-naħa tal-Kunsill tal-Volontarjat taħt il-VOPs b’tali mod li nkomplu nsostnu lill-għaqdiet volontarji fil-ħidma tagħhom, fl-operat tagħhom, biex anke jixtru dan it-tip t’apparat speċjalizzat biex ikunu ta’ aktar servizz fil-komunità u fil-ħidma dejjiema u li għaddejja l-ħin kollu tagħhom”.