Sqaq li ma kienx f’kundizzjoni tajba u li minnu kienu jgħaddu l-karozzi, inbidel f’wieħed pedonali għat-tgawdija tar-residenti ta’ Triq Sant’Anġlu fl-Isla.
Ix-xogħlijiet ta’ pavimentar kif ukoll servizzi ġodda saru mill-Kunsill Lokali tal-Isla b’investiment ta’ madwar €40,000 parzjalment iffinanzjati minn fondi tal-LESA.
Is-Sindku tal-Isla Clive Pulis spjega li wara diversi laqgħat li l-Kunsill Lokali kellu mar-residenti ta’ Triq Sant Anġlu, applika għall-fondi mal-LESA biex jagħmel dan il-proġett ta’ żona pedonali.
Is-Sindku spjega li qabel, dan l-isqaq kien aċċessibbli għall-karozzi imma b’diskussjoni mar-residenti, issa sar aktar aċċessibbli għalihom u għat-tfal f’din iż-żona.
Hawn is-Sindku Pulis qal li, “applikajna għall-proġett ta’ €18,000 u għamilna din iż-żona bħala waħda pedonali fejn qabel kienet aċċessibli għal karozzi bi ftehim mar-residenti ta dan it-triq u qed naraw dan l-isqaq ta’ Triq Sant’Anġlu aċċessibli għar-residenti li joqgħodu f’din iż-żona.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri qal li fiż-żmien li ġej, aktar kunsilli lokali se jkomplu jwettqu proġetti tanġibbli f’diversi lokalitajiet li minnhom igawdu r-residenti Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru spjega li,“l-aġenzija LESA qed tibqa’ tkun strumentali sabiex isiru diversi proġetti fil-qalba tal-komunitajiet. F’dan il-proġett, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Isla, rajna li din iż-żona tissebbaħ anke permezz ta’ pavimentar ġdid li fl-aħħar mill-aħħar qed jitgawda mhux biss mir-residenti ta’ din it-triq, iżda wkoll mir-residenti kollha tal-Isla.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli spjegat li t-toroq pedonali jeliminaw il-periklu tal-karozzi u joħolqu spazji miftuħa, aktar siguri u aċċessibbli għar-residenti kollha, filwaqt li joffru arja aktar nadifa u ambjent aktar trankwill għar-residenti fiż-żona u tal-madwar.
Hawn is-Segretarju Parlamentari Civelli spjegat li, “din hija trejqa fl-Isla li qed nagħtu lura lir-residenti. Infaħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Isla li għamlu użu tajjeb ħafna mill-fondi adizzjonali u din it-triq issa hija waħda pedonali biex il-familji u r-residenti ikunu jistgħu jgawdu bl-aqwa mod.”