Triq sekondarja biswit Pjazza San Pawl fil-Ħamrun ingħalqet għat-traffiku u nbidlet fi triq pedonali bi spazju rikreattiv sabiex jiġi frekwentat mit-tfal u l-familji fl-akkwati.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie inawgurat dan l-ispazju rikreattiv ġdid b’investiment ta’ €60,000.
Fi sfond ta’ folla numeruża ta’ tfal li bi ħġarhom gawdew it-tnedija ta’ dan l-ispazju rikreattiv, ġie spjegat kif sabiex din it-triq tinbidel minn waħda traffikuża għal waħda pedonali ġie installat pavementar ġdid u gradi tal-ħadid mad-dawra tal-ispazju rikreattiv sabiex ikun spazju sigur għall-pubbliku.
Il-bandli fih ukoll tagħmir differenti u inklussiv li jista’ jintuża wkoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali.
Fil-fatt, dwar ix-xogħlijiet li saru tkellimna mas-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, li spjega f’aktar dettall ix-xogħlijiet li saru.
“Ridna naqilgħu l-qiegħ, nerġgħu ngħaddu l-affarijiet meħtieġa, servizzi. Hawn is-CCTV cameras, għamilna l-post safe kemm jista’ jkun minħabba li hawn it-traffiku għaddej minn hawnhekk ukoll. L-investiment kien wieħed kbir ukoll għaliex għamilna l-aħjar affarijiet li stajna. Qgħadna attenti wkoll minħabba abbuż li jista’ jsir, jiġifieri għamilna wkoll bandli mhux magħluqin fejn xi ħadd jista’ jistaħba ġo fihom jew warajhom.
Sammut spjega wkoll li dan il-proġett kien wieħed minn sensiela ta’ proġetti oħra ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi toroq fil-Ħamrun.
“Huwa wkoll parti mir-riġenerazzjoni tal-lokalità li qegħdin nagħmlu. Għandna pjan hawnhekk li nbiddlu ċ-ċentru tal-Ħamrun. Diġà għamilna Triq Cordina Perez, li neħħejna l-parkings u sebbaħniha, u anke Triq Qormi, u issa għaddejjin ukoll bil-proġett ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp. Qegħdin ngħaqqdu kollox flimkien, sakemm inbiddlu dan iċ-ċentru tal-Ħamrun. Nagħmluh iktar post nadif, sigur, u aktar li jattira l-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin, u anke turisti.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li dan il-proġett kien iffinanzjat minn Trasport Malta permezz tal-iskema ‘European Mobility Week’ u mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema ‘Finanzjament għal-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex’.
Huwa sostna li l-politika tal-Gvern qed tmur minn fuq il-karta għal proġetti tanġibbli li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Il-ħsieb tagħna li jkollna postijiet rikreattivi f’żoni urbani, jiġifieri ftit minuti ’l bogħod minn fejn toqgħod, issa għaddew mill-karta għar-realtà. Dan huwa ġnien ieħor ġewwa l-Ħamrun, post urbanizzat ħafna fejn, anke grazzi għall-European Mobility Week, għaddew fondi għand il-Kunsilli Lokali biex illum qed naraw triq flok għaddejjin il-karozzi u l-emissions hawnhekk għandna bandli li t-tfal se jgawdu flimkien ma’ żgħażagħ u anzjani.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret it-tlestija ta’ dan il-proġett, li sar fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
Hija sostniet ukoll l-importanza li l-Kunsilli Lokali jagħmlu użu mill-fondi disponibbli għalihom sabiex iwasslu proġetti fejjieda għar-residenti tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
“Kif inħobb ngħid dejjem, il-Kunsilli Lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalità tagħhom u tar-residenti tagħhom. Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għaraf jagħmel użu tajjeb minn skemi li kien hemm provduti għall-Kunsill Lokali, żewġ skemi differenti infatti huwa proġett u investiment ta’ €60,000.”
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u diversi membri tal-Kunsill Lokali tal Ħamrun.