F’ San Ġwann ġie inawgurat l-ispazju Rikreattiv 11 ta’ Frar grazzi għal investiment ta’ madwar €35,000 minn SportMalta. Dan b’għajnuna wkoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u l-Gvern.
Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech semma id-diversi xogħlijiet differenti li saru fosthom it-tisbieħ tal-bankijiet u l-bandli, outdoor GYM, u tħawwil ta’ pjanti, siġar u fjuri. Huwa spjega: “Qabel hawnhekk ma tantx kienu jifrekwentawh, iktar kien hawn vandaliżmu u affarijiet hekk. Kif qed tara hawnhekk illum hawn il-ħajja hawn il-familji qed jiġu jużawh u nisperaw li aktar ‘il quddiem, bl-attivitajiet li se noħolqu iktar ikun hawn attivitajiet f’din iż-żona u jieħdu pjaċir fl-open spaces speċjalment tkun ġurnata bħal din.”
Għall inawgurazzjoni kien hemm ukoll preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima li tkellem dwar kif investimenti u xogħolijiet bħal dawn jgħinu lil lokalità, speċjalment it-tfal kemm b’aspett soċjali hekk kif b’aspett sportiv.
L-Onor. Grima fisser: “Bħalissa mhux biss ġewwa San Ġwann imma ġewwa numru ta’ rħula oħra madwar malta qed naraw dat tip ta’ proġetti li għalkemm jistgħu jihdru żgħar għandhom sinifikat importanti ħafna għax fiċ-ċentru tagħhom hemm l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna.“