B’investiment ta’ aktar minn tliet mija u ħamsin elf ewro, ġie inawgurat spazju rikreattiv f’Għajnsielem, b’tema edukattiva u ambjentali.
Dan il-proġett inkluda pavimentar, bankijiet, siġar u pjanti, tagħmir tal-bandli, pitch tal-boċċi u amfiteatru.
Is-Sindku t’Għajnsielem, Kevin Cauchi spjega li dik li sa ftit tax-xhur ilu kienet żona mitluqa, inbidlet fi spazju rikreattiv modern li jilqa’ għall-ħtiġijiet tan-nies taż-żona u tal-madwar.
Huwa spjega l-kunċett edukattiv li dan il-proġett, li huwa aċċessibbli għal kulħadd, ġie msejjes fuqu.
Qal, “Għandek it-tagħlim fuq is-siġar – kull siġra għandha informazzjoni fuqha, hawn ċertu siġar magħżulin b’reqqa għandhom QR Code. Hawn anki l-braille sign għal dawk li huma neqsin mid-dawl. Hawn amfiteatru biex it-tfal jitgħallmu dwar il-widien tagħna għax dan il-ġnien huwa mibni fuq wied, u l-edukazzjoni huwa kunċett prinċipali ta’ dan il-ġnien.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, spjegat li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-kapaċità tal-kunsilli lokali, li jwettqu proġetti li r-residenti jeħtieġu u jixtiequ.
Qalet, “Dan il-proġett hawnhekk ta’ spazju miftuħ rikreattiv f’Għajnsielem huwa eżempju ċar ta’ kemm il-kunsilli tagħna qed jagħmlu l-ħolm tar-residenti tagħhom, realtà.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri spjega li proġetti bħal dawn għandhom iservu ta’ mudell għal komunitajiet oħrajn, għaliex joffru spazji rikreattivi siguri u edukattivi.
Qal, “Nemmen li dan huwa proġett ta’ kif għandhom ikunu diversi proġetti żgħar ġewwa l-lokalitajiet tagħna fejn minkejja forsi d-daqs tagħhom, żgur li se jkunu qed jagħmlu differenza f’diversi rkejjen ġewwa l-irħula f’Għawdex.”