Ġie inawgurat ir-rinnovazzjoni ta’ spazju miftuħ magħruf bħala Ġnien Bir l-Iljun fil-qalba tar-Rabat.
Fost oħrajn sar xogħol fuq il-ġiebja sabiex it-tisqija tal-pjanti u s-siġar issir b’mod awtomatiku u regolari. Inxtraw bandli għat-tfal li huma aktar moderni u siguri, filwaqt li d-dawl, il-bankijiet u l-bins tal-iskart ġew mibdula. Id-dawl ġie wkoll installat b’tali mod li l-light pollution tiġi minimizzata. Ir-railing u l-bieb minn fejn wieħed jidħol ingħataw coating protettiv u żebgħa ġdida, kif ukoll ġew restawrati il-ħitan ta’ madwar il-ġnien.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol li għamlu flimkien mal-ħaddiema tal-Kunsill Lokali sabiex dan il-ġnien issa jista’ jitgawda mill-pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ġie ffinanzjat madwar €25,000 għal dan il-proġett, minn skema maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus wera l-apprezzament tiegħu lill-ħaddiema kollha li kienu ta’ għajnuna biex seta’ jsir dan il-proġett. Huwa tenna li wara snin ta’ telqa dan il-ġnien issa jista’ jerġa’ jibda jitgawda mir-Rabtin u minn dawk kollha li jżuru din il-lokalità.