Ġie inawgurat ir-rinnovazzjoni ta’ spazju miftuħ, magħruf bħala Ġnien ta’ Santa Marija tal-Anġli, f’Baħar iċ-Ċagħaq. Dan ix-xogħol ġie inawgurat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Dan l-ispazju miftuħ iservi bħala ċentru rikreattiv għall-komunità, kif ukoll għall-familji li jżuru dan il-post. F’dan il-ġnien sar xogħol ta’ manutenzjoni fiż-żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal, tqiegħed pavimentar ġdid, ġew installati dwal ġodda li huma effiċjenti u ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ kameras tas-sigurtà.
Is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, sostniet li wara snin ta’ telqa u atti ta’ vandaliżmu, dan il-ġnien issa jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-pubbliku.
“Bħala Kunsill, hu importanti ħafna għalina li jkollna ħafna spazji miftuħa, spazji biex jitgawdew mir-residenti tagħna u ovvjament, għandna ftit spazji miftuħa. Allura rridu ninvestu fil-ftit li għandna.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma tagħhom biex dan il-ġnien ingħata dehra isbaħ u fl-istess waqt hu aktar sigur għall-pubbliku.
“Dawn huma inizjattivi li, permezz tagħhom, se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet, kif ukoll naraw li nġibu l-komunitajiet aktar flimkien. Inħares ’il quddiem lejn aktar ħidmiet bħal dawn flimkien ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħrajn.”