Infetaħ ċentru għall-ħarsien tat-tfal ta’ impjegati fl-Uffiċċju għar-Reġistru Malti għall-Kumpaniji, l-MBR.
Dan ġie inawgurat il-Ġimgħa mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Dan is-servizz huwa l-ewwel tat-tip tiegħu offrut f’aġenzija governattiva.
Is-servizz tat-trasport tat-tfal lejn dan iċ-ċentru se jiġi provdut ukoll f’każ ta’ bżonn jekk il-ġenituri jkunu jixtiequ.
Il-professjonisti taċ-ċentru huma mħarrġa wkoll biex wara l-ħin tal-iskola, jagħmlu xogħol tad-dar mat-tfal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Uffiċċju tar-Reġistru għall-Kumpaniji Joe Farrugia spjega li dan kollu jħalli effett tajjeb fuq il-produttività tal-impjegati.
“B’hekk, in-nies tagħna ġenituri, kemm nisa u kemm irġiel, ikunu jistgħu joffru aktar ħin għalina bħala MBR u tikber l-effiċjenza u nipproċessaw aktar dokumentazzjoni malajr. Wieħed isib ukoll aktar bilanċ bejn id-dar u x-xogħol. Dan hu ċentru state of the art u qed inkunu użati għal entitajiet oħra.”
Il-Ministru Schembri qal li servizzi bħal dawn fuq post tax-xogħol huma normalment assoċjati mas-settur privat jew kumpaniji kbar, iżda dawk offruti mill-MBR se jkunu ta’ eżempju għaċ-ċivil kollu.
Hu fil-fatt iddeskriva l-għoti tas-servizzi bħala ħolma mwettqa.
“Din tal-lum hija ħolma mwettqa u jista’ jkun il-pass ta’ proġetti simili. Tliet snin ilu bdejna dan il-proġett, mhux biss biex ikollna one stop shop għall-kumpaniji biex jinvestu f’pajjiżna, imma biex nagħtu wkoll l-aqwa kundizzjonijiet lill-ħaddiema taċ-ċivil li jkunu jaħdmu hawnhekk.”