B’investiment ta’ miljun ewro ġie inawgurat ir-rinovar ta’ Sala Tabiba Maria Sciberras, fl-Isptar Monte Karmeli.
Din is-sala ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li qal kif din is-sala tal-ogħla livell u skont l-istandards se tibda tintuża mill-Erbgħa.
Il-pazjenti f’din is-sala rinovata se jkunu dawk li qed jiġġieldu kontra l-vizzju tad-droga.
Waqt din l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru qal kif dan il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-kura għas-saħħa mentali sal-2030.
Qal kif waħda mill-prijoritajiet ta’ din l-istrateġija hija li l-pazjenti jieħdu l-kura fil-komunità, fejn żied jgħid kif mitejn tlieta u għoxrin pazjent minn dan l-isptar diġà ġew rilokati f’ċentri fil-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq kif dawk li għadhom f’dan l-isptar jixraqilhom l-aħjar trattament.
Qal, “Din hija xempju ta’ kif se jkun il-kumplament tal-isptar. Bħalissa għaddej xogħol kbir ġewwa Monte Karmeli, bħala parti minn proġett tagħna fuq firxa ta’ erba’ snin biex nirranġaw dan l-isptar. Huwa biss parti minn kullana ta’ servizzi illi qegħdin nagħtu għall-kura tas-saħħa mentali. Fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin ikollna aktar opportunità illi nkomplu nispjegaw kif f’dan is-settur ħa nkomplu ntuh l-importanza illi jixraqlu.”
Il-Perit responsabbli minn dan ix-xogħol, Sharon Mallia qalet kif għaddej xogħol fis-sala tan-nisa f’dan l-isptar u qed isir xogħol ta’ restawr fuq din il-binja.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, Clifford Farrugia mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi qal kif biswit l-isptar Mater Dei se jkun hemm sptar psikjatriku.
Intqal kif bħalissa qed isir analiżi tal-offerti għad-disinn ta’ dan l-isptar, li se jkollu 120 sodda fi tmien swali.
Dan l-isptar mistenni jkun lest fi żmien erba’ snin u mistenni jiswa erbgħa u sittin miljun ewro.