B’investiment ta’ madwar €80,000 tlesta proġett ta’ konservazzjoni u restawr tal-pitturi li jinsabu mas-saqaf tal-kappella ddedikata lil Sant’Antnin fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat.
It-tlestija ta’ dan il-proġett li 80% minnu kien finazjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-pitturi tal-artist Taljan Eliodoro Coccoli, mal-medda tas-snin ġarrbu diversi ħsarat minħabba ilma tax-xita li daħal mis-saqaf tal-knisja.
Dwar dan ONE News tkellem mar-estawratur Paul Muscat. Huwa qalilna: “L-aħħar proċess huwa dak tal-integrazzjoni fejn aħna napplikaw kulur biex in-nuqqasijiet ngħaqqduhom ma’ dak li jkun hemm fil-madwar u hekk inkunu nistgħu naraw il-pittura fil-glorja oriġinali tagħha.”
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi sostna l-importanza ta’ dawn il-proġetti li jikkonsolidaw il-patrimonju storiku u reliġjuż.
Huwa sostna: “Il-messaġġ hu li hemm bżonn nieħdu ħsieb il-wirt kulturali artistiku reliġjuż li ġie minn missirijietna. Aħna nuru apprezzament lejn dak li ġie minn missirjietna, jagħmel ħajja għalina isbaħ illum u anke biex ‘il quddiem il-ġenerazzjonijiet li ġejjin futuri aħna ngħaddulhom tassew dak li hu sabiħ u apprezament għal dak li huwa sabiħ.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan huwa biss proġett wieħed minn kullana ta’ interventi li qed isiru bħalissa f’pajjiżna.
Huwa saħaq: “Qegħdin naraw sensiela ta’ proġetti li qed nieħdu ħsieb knejjes u artifatti oħrajn sagri li permezz tagħhom qed nagħmlu ġid kbir għaliex qed ngħinu biex inħarsu dan il-patrimonju daqstant sabiħ filwaqt li nkunu qed inkunu ta’ għajnuna permezz ta’ dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea.”