Ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv għat-tfal fix-Xgħajra.
L-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tad-Development Planning Fund, tat għajnuna finanzjarja ta’ ’l fuq minn mija u ħamsin elf ewro biex isiru x-xogħlijiet ta’ rinovar f’dan il-bandli.
Is-Sindku tax-Xgħajra Neil Attard wera l-apprezzament tiegħu lejn l-Awtorità tal-Ippjanar għall-fondi li ngħataw biex dan il-proġett seta’ jkun possibbli.
“Dan il-bandli ġie rikreat minn materjal riċiklabbli, plus li huwa iktar durabbli milli kien hawn qabel. B’dawn il-fondi t-tfal tax-Xgħajra se jkunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ flimkien mal-familja tagħhom.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif proġetti bħal dawn huma xhieda ta’ kif il-Gvern juża r-riżorsi kollha tiegħu b’mod għaqli biex ikun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali.
“Dawn huma fondi importanti biex nagħmlu faċilitajiet bħal dawn li jġibu aktar il-komunitajiet flimkien. Huwa mezz ukoll ta’ kif nagħtu aktar faċilitajiet biex intejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-Kunsilli Lokali u se jibqa’ jagħti l-għodda neċessarja biex jaqdu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom, bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli.
“Permezz ta’ dan il-proġett, spazju miftuħ għar-residenti zgħar tiegħu qiegħed jindirizza l-bżonnijiet għal-lokalitajiet imma fuq kollox qiegħed jindirizza l-bżonnijiet tar-residenti.”