Ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ f’bandli fil-lokalità Għawdxija tax-Xagħra, li tinsab fi Vjal it-Tmienja ta’ Settembru.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ erbgħin elf ewro permezz tal-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex’ u b’finanzjament mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Dan il-proġett kien jinkludi t-tibdil tat-tagħmir tal-logħob tal-bandli flimkien ma’ art ġdida biex ikun konformi mal-istandards tas-sigurtà għal dawk li jużawh. Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jkunu ġew installati wkoll numru ta’ laned tal-iskart ġodda sabiex dawn il-bandli jkunu attrezzati bl-aqwa mod possibbli.
Is-Sindku tax-Xagħra, Christian Zammit, qal li permezz ta’ fondi mogħtija mill-Gvern setgħet tkompli tissebbaħ il-lokalità.
Illum qed inniedu proġett b’fondi li akkwista l-Kunsill tax-Xagħra mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali sabiex nagħmlu refurbishment tal-playing field. Kien meħtieġ, għax kien fi stat dilapidat, sfortunatament, u bdilna diversi bandli, il-play house, gym equipment, twapet, il-merry-go-round, u diversi bins madwar il-playing field.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li huwa ta’ sodisfazzjon li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed tinvesti wkoll fil-gżira Għawdxija sabiex il-kunsilli jkomplu jtejbu l-irħula tagħhom li jitgawdew kemm mill-Għawdxin kif ukoll minn dawk kollha li jżuru Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-Gvern huwa impenjat li matul din is-sena jkompli jiffinanzja skemi favur aktar spazji miftuħa u ambjent aħjar fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, għax il-kwalità tal-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma ta’ dan il-gGern.
Il-fond totali għal din l-iskema kien jammonta għal madwar €668,000 u b’kollox ibbenefikaw minn din l-iskema 27 kunsill lokali.