F’Għajnsielem ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ b’investiment ta’ tmenin elf ewro, li ġie ffinanzjat mill-aġenzija LESA. Dan jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti li ġew iffinanzjati bi sħab bejn il-kunsilli lokali u l-aġenzija LESA.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ kienu mifruxa fuq medda ta’ nofs kilometru u kienu jinkludu twessigħ tal-bankina biex tinkludi spazju ġdid iddedikat għal bankijiet u għamara oħra tat-triq, siġar, dwal dekorattiv, disinji tal-mużajk, librerija żgħira u aktar aċċessibilità permezz ta’ rampi.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dalwaqt iħabbar proġetti oħrajn li tressqu ’l quddiem mid-diversi kunsilli lokali u li se jiġu ffinanzjati mill-fondi tal-aġenzija LESA.
“Permezz tal-aġenzija LESA qed nibqgħu ninvestu f’diversi proġetti fil-komunità. Hu proprju dan hu dak li għamilna bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, fil-qalba ta’ Għajnsielem, fejn verament proġett mill-isbaħ li se jkompli jsebbaħ din il-parti sabiħa ħafna ta’ Għawdex.”
Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif dan il-proġett biddel il-promenade f’wieħed ġdid.
“Diversi wkoll bankijiet, kif ukoll tisbiħ u kostruzzjoni mill-ġdid tal-ħitan tas-sejjiegħ u għaldaqstant naħseb li dan hu l-mod kif il-kunsilli tagħna qegħdin proprju jsebbħu rkejjen jew akwati li mhumiex fiċ-ċentru tal-irħula, però huma wkoll ngħid jien f’uħud mill-isbaħ postijiet li għandna madwar il-gżira ta’ Għawdex.”