B’investiment ta’ ħamsa u tletin elf ewro ġie inawgurat proġett ta’ spazju miftuħ ġdid f’Ta’ Giorni, San Ġiljan.
Din iż-żona li kienet fi stat ta’ abbandun sarilha xogħlijiet ta’ tisbieħ u anke twaħħal apparat ġdid tal-bandli u gym fuq barra.
F’konferenza tal-aħbarijiet Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima semma kif dan il-proġett jikkumplimenta d-diversi proġetti ta’ spazji għar-rikreazzjoni li qed isiru f’pajjiżna.
Dan fl-istess ħin li l-Gvern qed jippromwovi l-attività fiżika biex nikkumbattu r-rata għolja ta’ obeżità.
Il-Ministru Grima tenna, “L-isbaħ ħaġa li wieħed jista’ jara hawnekk huwa propju li familji Maltin u Għawdxin jiġu bit-tfal sabiex igawdu l-ispazju bil-possibilità li jagħmlu użu mill-apparat ta’ eżerċizzju, xi ħaġa li għamilna f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u hekk se nkomplu nagħmlu fil-ġimgħar u xhur li ġejjin.”
Is-Sindku ta’ San Ġiljan spjega kif sa ftit żmien ilu dan il-post kien fi stat ta’ periklu u saħanistra kien isir ħafna vandaliżmu u anke attivitajiet illegali.
Is-Sindku stqarr, “Qabel kien magħluq għax kien ikun hawn ħafna vandaliżmu u allura kien abbandunat u issa qiegħed miftuħ. Din hija ta’ sodisfazzjon għalina bħala Kunsill għax erġajna tajna spazju miftuħ, f’lokalità fejn l-ispazji miftuħa huma limitati, u tajnihom issa lill-familji. Il-gost tagħna huwa li fejn post li qabel ma kont tara lil ħadd fih illum il-ġurnata tara ħafna tfal.”
Min-naħa tiegħu, ic-chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, qal kif iħares ‘il quddiem sabiex bħala entità jaħdmu ma’ entitajiet u kunsilli oħra biex b’hekk f’pajjiżna jkun hawn aktar spazji miftuħa u li minnhom igawdu l-familji Maltin u Għawdxin.