Il-Ġimgħa filgħaxija ġie inawgurat xogħol ta’ rinovar fil-Pjazza l-4 ta’ Settembru fil-belt tal-Isla.
Dan ix-xogħol fuq il-pjazza sar b’investiment ta’ ħamsa u tmenin elf ewro mill-fond għall-proġetti kapitali.
Fost ix-xogħol li sar f’din il-pjazza fiċ-ċentru tal-belt Sengleana sar paviment u post adegwat għat-trasport pubbliku li jieqaf f’din il-belt. Barra minn hekk saru bankijiet ġodda flimkien ma’ pjanti li jsebbħu din il-pjazza.
Din il-pjazza tilqa’ fiha l-għassa tal-pulizija, flimkien mal-Liberija Pubblika.
Fil-bidu ta’ din iċ-ċerimonja, is-Sindku ta’ din il-lokalità Clive Pulis flimkien mal-President tar-Reġjun Xlokk Paul Farrugia xegħlu id-dwal tal-Milied.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Reġjun Xlokk Paul Farrugia qal kif f’dan ir-reġjun qed isiru diversi proġetti, fosthom dan li ġie inawgurat.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Isla Clive Pulis qal kif dan il-proġett kien ilu meħtieġ għall-Isla u llum din il-ħolma saret realtà.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali Josè Herrera saħaq kif il-ftuħ ta’ din il-pjazza huwa importanti għaliex jagħti spazju miftuħ lir-residenti ta’ din il-lokalità.
Spjega kif l-Isla hija post imfittxija fil-Kottonera u x-xogħol ta’ tisbiħ li sar jikkumplimenta proġetti oħra li saru fi tlett ibliet.