Ġiet inawgurata sala ġdida u faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni ġodda għall-istudenti li jattendu fl-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima, l-IMLI, fil-kampus tal-Università ta’ Malta.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għax-Xogħliijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, Kitack Lim.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-Gvern permezz tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar iffinanzja dan il-proġett b’investiment ta’ kważi €500,000.
Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li permezz ta’ dan l-investiment l-istudenti se jkollhom ambjent isbaħ u aktar komdu fejn jagħmlu l-lezzjonijiet billi se jkollhom faċilitajiet, sistemi u mezzi aktar moderni u tal-għola kwalità.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, Kitack Lim radd ħajr lil Gvern Malti u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea tal-appoġġ li sab minn għandhom.
Huwa qal li permezz tax-xogħol, l-istudenti mhux biss se jkollhom ambjent aktar komdu fejn jitgħallmu imma dan se jgħin biex jixpruna ‘l quddiem skambju kulturali u kollaborazzjoni fost individwi minn diversi nazzjonijiet.
L-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali, l-IMLI, ġie stabbilit fl-1988 taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u huwa ċentru rikonoxxut fid-dinja, fost oħrajn għat-taħriġ ta’ speċjalisti fil-liġi marittima internazzjonali.