Fil-Munxar Għawdex ġie inawgurat proġett ta’ rinnovar fi Ġnien il-Professur Gużè Aquilina, li sar b’investiment ta’ tnejn u erbgħin elf ewro mill-Iskema ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex.
Kif spjega s-sindku tal-lokalità Damien Spiteri, permezz ta’ dawn il-fondi, il-kunsill seta’ wkoll jagħmel xogħol ta’ rinnovar madwar il-bandli.
“Aħna grati ħafna għall-iskemi li qed joħorġu min-naħa tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex inkunu nistgħu nsostnu t-tali proġetti u kien grazzi għal sekma li otjena dan il-Kunsill Lokali fejn investejna f’dan il-post, bdilna t-tapiti kollha poġġejna playhouse ġdida, għamilna wkoll sistema ta’ railing u sistema ta’ dawl mal-post kollu.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-gvern jinsab impenjat li jkompli joħloq aktar spazji pubbliċi u postijiet fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin tal-mistrieħ fihom.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Munxar għaliex permezz tax-xogħol li twettaq, żied l-aċċessibbiltà u s-sigurtà f’dan l-ispazju miftuħ u rikreattiv.