B’investiment ta’ €1.9 miljun fi proġett ta’ riġenerazzjoni ffinanzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA u Infrastructure Malta, il-Pjazza tal-Mellieħa ngħatat dehra xierqa biex ukoll titgawda bl-aħjar mod mill-għadd ta’ Maltin u turisti li jżuru din il-lokalità tant popolari.
Il-proġett ta’ fejda, li kien li jinkludi pavimentar ġdid, sistemi taħt l-art b’servizzi tal-ilma, dawl u drenaġġ iżjed moderni, flimkien ma’ installazzjoni ta’ planters ġodda, ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u dak responsabbli mill-infrastruttura Aaron Farrugia t-Tlieta filgħaxija.
Preżenti wkoll ir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Mellieħa, il-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-MTA, Carlo Micallef u Gavin Gulia, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Raphael Abdilla, u l-għaqdiet Melliħin.
Il-Ministru Bartolo tkellem dwar proġett li wassal għal pjazza isbaħ, iktar moderna u iżjed aċċessibbli għal kull min iżurha. Hu enfasizza li dan il-proġett hu xhieda tal-impenn tal-Gvern li jixpruna kwalità fil-prodott turistiku f’Malta u Għawdex.
“L-għan aħħari tagħna hu li l-Mellieħa tkun destinazzjoni ta’ kwalità biex hekk tkun qed tgħaqqad fi pjan ħolistiku bħala parti mill-istrateġija tagħna tat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin. Irridu naraw li jkollna kwalità across the board, fuq diversi niċeċ turistiċi li qed ninvestu fihom. Hawnhekk qed ninvestu bi sħiħ fin-niċċa tat-turiżmu kulturali u dik reliġjuża ħalli nkomplu naraw li verament ikollna turiżmu sostenibbli għas-snin li ġejjin. Turiżmu li jkun katalista u pjattaforma biex imbagħad il-Gvern ikompli jwettaq, fost oħrajn, il-programm soċjali tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Farrugia faħħar il-ħidma ta’ Infrastructure Malta fejn spjega kif din il-pjazza reġgħet ingħatat lura lin-nies u lill-komunità tal-Mellieħa. Semma li l-materjal li ntuża jirrispetta l-wirt storiku tal-pjazza u li fil-ġejjieni se jitniedu aktar proġetti li jkomplu jagħtu prijorità lin-nies.
“L-investiment li għamilna f’din il-pjazza, li fiha mal-erbat elef u ħames mitt metru kwadru, hi turija tanġibbli ta’ kif l-investiment li qegħdin nagħmlu jagħti prijorità lin-nies fuq karozzi u mezzi oħrajn tat-trasport. Dan hu l-mod li ntejbu il-kwalità tal-ħajja tan-nies, biex b’hekk inħallu l-legat għall-immodernizzar ta’ pajjiżna.”