Wara investiment ta’ €2 miljun, tlesta l-proġett tal-promenade li jinsab fi Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, fl-Imsida.
Dan il-proġett, li sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir- il-GHRC, ġie inawgurat mill-Ministru responsabbli mill-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti li qegħdin isiru f’din iż-żona.
Dan il-promenade issa tlesta u jista’ jgawda minn dawk kollha li joqogħdu fl-akwati jew jagħżlu li jżuruhom.
“Hawnhekk kabbarna l-promenade, li f’partijiet minnu, li kienet idjeq, inbniet struttura li, mingħajr ma missejna l-baħar, kabbarna l-bankina. B’dak il-mod, mingħajr ma tellifna l-ebda parkeġġ fuq in-naħa tat-triq, żidna wkoll il-promenade b’tali mod li għamilna bike lane.”
Dan il-proġett fil-qalba tal-komunità jinkludi żoni għall-mixi, passaġġ għal min ikun bir-rota, u għad-dgħajjes, u anki għamara tat-triq fosthom bankijiet, dwal tat-triq, u laned tal-iskart.
“Saret sistema ġdida ta’ dawl li, għal darba oħra, ma kienx hawn, biex filgħaxija dak li jkun ikun qiegħed juża dan il-promenade, issa huwa aktar sigur. Street furniture: bankijiet, bins, hemm il-faċilitajiet kollha. Fuq fuq, inbena promenade li jixraq lil dawn l-inħawi. Huwa l-ewwel minn kullana li għandha twassal biex iż-żona kollha li titlaq min-naħa ta’ Tal-Pietà u li tasal sal-Gżira, biex ngħidu hekk, tingħata d-dehra li jixirqilha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li, minn hawnhekk ’il quddiem, se jibdew xogħlijiet lejn ix-xatt ta’ Tal-Pietà u wara se jsiru xogħlijiet lejn in-naħa ta’ Ta’ Xbiex u lejn il-Gżira.
Intant, huwa ħabbar ukoll li, sa April li ġej, se jitlesta l-proġett infrastrutturali ta’ ħdejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan ifisser li l-proġett, magħruf bħala ta’ ħdejn il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersection tal-Ajruport, se jkkif inhu pjanat.
Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li, fl-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena, se jibda x-xogħol infrastrutturali tal-Imsida Creek; proġett infrastrutturali ieħor maġġuri f’pajjiżna.