Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, inawguraw proġett ta’ rinovar fi Ġnien Lorry Sant f’Raħal Ġdid permezz ta’ fondi li ġew mgħoddija mill-aġenzija ta’ inforzar il-LESA.
Il-LESA għaddiet mat-€80,000 għal dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni fost 62 oħra li saru f’Malta u Għawdex fl-aħħar tliet snin biex jitgawdex mill-pubbliku inġenerali u li fuqhom l-aġenzija investiet aktar minn €3 miljun, li nġabru mit-taħrikiet.
Fil-preżenza tas-Sindku tal-lokal, Dominic Grima, u l-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, il-Ministru Camilleri stqarr kif il-Kunsill ta’ Raħal Ġdid kien wieħed minn tal-ewwel kunsilli li għaraf juża l-iskema tal-LESA fejn tiffinanzja proġetti varji f’bosta lokalitajiet.
Hu qal kif, permezz ta’ dan il-proġett, ir-residenti ta’ Raħal Ġdid għandhom spazju ieħor miftuħ riġenerat li joffri post ta’ trankwillità fil-qalba tal-lokalità.
Qal, “Proġett ieħor ta’ spazju miftuħ anke permezz ta’ diversi siġar maturi, ambjent aħjar fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid. Permezz tal-aġenzija LESA qed nibqgħu ninvestu f’dawn it-tip ta’ proġetti anke bi sħab ma’ diversi kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex.”
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill ta’ Raħal Ġdid li għamel użu minn dawn il-fondi addizzjonali biex jindirizza bżonn fil-lokalità tiegħu.
Qalet, “Permezz ta’ dan il-ftehim bejn il-LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali rajna l-Kunsill ta’ Raħal Ġdid, jagħmel, jirranġa spazju miftuħ permezz tal-ġnien iddedikat għal Lorry Sant ħalli aktar familji jkunu jistgħu jiġu hawnhekk anke bil-mixi u dawk kollha li jiġu jżuru Raħal Ġdid biex iqattgħu aktar ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom.”
Zerafa Civelli appellat lill-kunsilli lokali biex iressqu ’l quddiem proġetti u inizjattivi li jistgħu jiġu implimentati għat-titjib tal-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti permezz ta’ din l-iskema.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, min-naħa tiegħu, irringrazzja lil-LESA għall-kontribut tagħha f’dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni u qal kif inizjattivi bħal dawn ikunu ta’ sostenn għall-kunsilli lokali.