Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-lokalità tal-Marsa. Il-Ministru spjega kif b’investiment ta’ madwar €1.4 miljun permezz ta’ fondi Ewropej, 120 familja residenti f’din iż-żona, kif ukoll il-komunità tal-Marsa se jgawdu minn spazju miftuħ li se jfisser kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Kommessi li nkomplu l-ħidma sabiex kull ċittadin fil-pajjiż, irrispettivament miċ-ċirkostanzi, jgħix ħajja dinjituża mdawwar b’ambjent ta’ kwalità. Dan il-kunċett qed nimmassimizzawh fil-prattika bi proġetti ta’ tisbiħ li qegħdin nagħmlu f’żoni differenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fosthom fil-Marsa, il-Mosta u Santa Luċija,” spjega l-Ministru Galdes.
Dan il-proġett hu kofinanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-proġett kien jikkonsisti f’riġenerazzjoni totali taż-żona, żieda fl-aċċessibbiltà permezz ta’ rampi, tħawwil ta’ siġar u sistema ta’ panelli solari li se jkunu qed jiġġeneraw l-elettriku għal din iż-żona.
“L-impenn tagħna bħala Gvern mhux biss li nipprovdu saqaf diċenti u dinjituż imma wkoll li naraw li ż-żona ta’ madwar il-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali tkun tista’ titgawda mill-familji,” temm jgħid il-Ministru Galdes.