Wara ħidma mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, taħt il-gwida professjonali tal-Federazzjoni Klabb tal-Boċċi, ġie inawgurat l-ewwel pitch tal-boċċi f’dar tal-anzjani f’pajjiżna.
Dan il-pitch jinsab fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa u fl-implimentazzjoni tal-proġett, ingħatat attenzjoni partikolari għall-aċċessibbiltà, biex anki anzjani li jkollhom diffikultajiet fiżiċi, ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan l-isport, inkluż anzjani f’siġġu tar-roti.
Fil-preżenza ta’ diversi anzjani dilettanti ta’ dan l-isport, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, ħabbar li hemm pjani għal proġetti simili f’residenzi tal-anzjani oħrajn.
Dan il-pitch mhux biss se jintuża mir-residenti fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa, imma wkoll minn djar residenzjali oħrajn u anki anzjani li għandhom attivi fil-komunità. Bl-istess mod hemm il-ħsieb li l-istess pitch jintuża minn nies ta’ etajiet oħrajn biex tkun imħeġġa l-integrazzjoni tar-residenti fil-komunità u l-kollaborazzjoni interġenerazzjonali.
Proġetti bħal dan huma importanti għall-anzjani għax jipprovdu attività fiżika moderata, stimulazzjoni mentali, u anki l-opportunità għas-soċjalizzazzjoni.
Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva se jorganizza tournaments fejn anzjani mill-komunità u residenti fi djar tal-anzjani jkunu jistgħu jintegraw u jieħdu gost flimkien.