Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, inawgurat il-passaġġ ta’ mixi ta’ żewġ kilometri f’Wied il-Qlejgħa. Dan il-passaġġ ikopri mill-Imtarfa sal-Fiddien u joffri esperjenzi uniċi għal dawk li jżuruhom għaliex is-sistemi antiki ta’ minn fejn jinġabar l-ilma, se jingħaqdu ma’ prattiki ekoloġiċi avvanzati.
Il-Ministru qalet li dan il-proġett ser ikun qed jitgawda minn bosta nies għaliex ser ikun hemm spazju dedikat anke għat-tfal, biex il-familji u l-viżitaturi ta’ kull età jkunu jistgħu jgawdu n-natura u l-istorja tal-lokal.

Wied il-Qlejgħa kellu rwol importanti ħafna fil-provvista tal-ilma għal sekli sħaħ, kemm fl-ippjanar tal-akwadott ta’ Wignacourt fil-Belt Valletta kif ukoll fil-proġetti ta’ provvista tal-ilma ta’ Sir Osbert Chadwick. Illum, dan il-proġett qed jingħata ħajja ġdida bħala ċentru ekoloġiku miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, spjega li dan il-proġett tar-restawr kien jinkludi t-tneħħija ta’ speċi invażivi bħal ‘great reed’, il-crayfish, is-siġar tal-castor oil u l-‘balloon vine’, li kienu qed jipperikolaw il-bijodiversità lokali.
“F’dan il-wied hawn mixja ta’ madwar 2 kilometri fejn wieħed ikun il-ħin kollu fil-kuntatt mal-ilma u għalhekk hu ambjent naturali u uniku għall-pajjiżna.”
F’Wied il-Qlejgħa, jeżistu l-ispeċi bħaż-żrinġ, li huwa l-uniku indiġenu tal-Gżejjer Maltin, kif ukoll varjetà ta’ siġar indiġeni bħall-White Willow u l-White Poplar, inkluż għasafar bħal European Robin, il-Cetti’s Warbler u l-Ispanzol.
“Grazzi għall-ħidma ta’ entitajiet differenti tal-Gvern flimkien ma’ NGO’s bħal ma hija ukoll n-Nature Trust Malta, qegħdin naraw li l-post jiġi miżmum tajjeb u li jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-aktar postijiet rikki ambjentalment li għandna f’pajjiżna.”