Fiż-Żejtun ġie inawgurat il-proġett l-annimali parti mill-komunità wkoll. Dan il-proġett li sar b’investiment totali ta’ €25,000 jinkludi park għall-klieb biswit Ġnien iż-Żgħożija. Dan l-investiment kien ikkofinanzjat ukoll minn Greenpak.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Sindku taż-Żejtun Doris Abela fejn intqal kif parti minn dan il-proġett ġie iffinanzjat permezz tal-iskema t’għajnuna għall-Kunsilli Lokali.
Il-Ministru Refalo qal, “L-iskema Local Council care fund hija importanti u għamlet ħafna ġid lill-kunsilli fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, fejn hawn ukoll fiż-Żejtun tajna somma ta’ flus li qed tintuża parti minnha għal dan id-dog park u parti minnha għal qtates stray.”
Is-Sindku Doris Abela qalet li dan il-proġett kien tant mixtieq, tant li diġà beda jintuża. Hija saħqet li sar ukoll passaġġ mad-dawra sabiex sid il-kelb ikollu fejn jimxi flimkien mal-kelb tiegħu f’ambjent xieraq.
Hija stqarret: “Kelna rispons tajjeb ħafna, fil-fatt diġà qed jiġi frekwentat sew mir-residenti illi jrabbu l-klieb u dak huwa l-iskop li aħna qegħdin nagħmlu dawn il-proġetti fil-komunità.”
Is-Sindku kompliet tgħid li l-kunsill qed iżomm komunikazzjoni kontinwa ma’ dawk li jitimgħu l-annimali tal-lokal sabiex jaraw x’inhuma l-ħtiġijiet tagħhom u kif jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom. Apparti minn hekk il-kunsill qed jieħu ħsieb iħallas il-mediċina fost oħrajn.
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jagħmel aktar inizjattivi biex jitqajjem għarfien dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb il-qtates li jgħixu barra. Fil-futur se jiġu installati cat shelters f’postijiet strateġiċi għal qtates li jgħixu barra.