Fi Ġnien ‘Raymond Caruana’ tal-Gudja ġie mikxuf monument artistiku f’ġieħ il-Madonna taċ-Ċintura. Din iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni kienet timmarka tmiem il-programm estensiv ta’ ċelebrazzjonijiet li ġew organizzati matul ix-xhur li għaddew biex ifakkru kif jixraq il-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta u l-75 sena mill-ħolqien tal-Banda tagħha.
L-attività bdiet b’marċ brijuż mill-Banda Marija Assunta minn quddiem il-każin sa Ġnien ‘Raymond Caruana’ fejn ġiet milqugħa b’entużjażmu minn folla kbira ta’ partitarji u residenti Gudjani flimkien ma’ għadd ta’ mistednin distinti.
Wara diskorsi qosra tal-okkażjoni, id-Deputat Parlamentari Dr Bryron Camilleri inawgura l-Monument tal-Madonna taċ-Ċintura fil-preżenza tal-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta, is-Sur Omar Xuereb u sħabu membri tal-Kumitat Ċentrali u tal-Kummissjonijiet diversi fi ħdan l-istess Għaqda. Iċ-ċerimonja tat-tberik tmexxiet mill-Arċipriet tal-Gudja, Dun Norman Zammit.
Il-proġett għat-twaqqif ta’ dan il-monument kien f’idejn il-Perit Mannie Galea. L-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura hija xogħol artistiku ta’ Clive Busuttil. Il-pedestall li fuqu qiegħda tokkupa post mill-aktar prominenti inħadem b’sengħa kbira fil-ġebla Maltija minn Franco Mifsud fuq disinn ta’ Leli Cini.
Il-Monument tal-Madonna taċ-Ċintura mhuwiex l-uniku tifkira għall-Gudjani ta’ dawn iż-żewġ anniversarju li sawru kapitli importanti mill-istorja ta’ dan ir-raħal. Biċċa xogħol oħra artistika li se titgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri hija l-Cantata l-ġdida “Consolatrix Afflictorum” (Faraġ tal-Imnikktin) b’versi ta’ Dun George Mercieca u mużika ta’ Mro Hermann Farrugia Frantz li ġiet irregalata lill-Għaqda Mużikali Marija Assunta.
Il-Cantata hija mqassma f’erba’ taqsimiet. Din tibda bl-Innu tal-Glorja u tkompli bil-Kurunella, Responsorju, u tintemm bit-Talba. Din ġiet esegwita għall-ewwel darba dan l-aħħar mill-Banda Marija Assunta, diretta mis-Surmast Direttur Mro Hermann Farrugia Frantz, bis-sehem tas-sopran Claire Caruana, it-tenur Charles Vincenti, il-baritonu Alfred Camilleri u l-kor Coro Bel Canto.
Il-premiere tal-Cantata sar waqt Akkademja Mużikali fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali tal-Gudja. Apparti dawk li attendew bi ħġarhom għal dan il-programm ċelebrattiv, din il-biċċa xogħol mużikali mill-isbaħ ġiet gawduta wkoll mill-pubbliku inġenerali billi kienet irrekordjata u mxandra fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali.
Għal din l-okkażjoni kienet imżanżna wkoll Bandalora ġdida u artistika li nħadmet b’sengħa kbira mnn Patri Martin Borg OCD fuq disinn oriġinali ta’ Silvio Pace. Din ġiet regalata mill-koppja Dorian u Rita Desira.
F’waħda mis-swali tal-Palazz Marija Assunta kien inawgurat Arkivju Mużikali ddisinjat minn Renzo Gauci. Dan inħadem fl-injam mill-kumpanija JDS Furniture Limited waqt li l-iskultura saret mill-iskultur Edward Hili.
Is-Sala tal-Arkivju li saret u ġiet irranġata taħt id-direzzjoni tal-Presient Onorarju tal-Għaqda s-Sur Emmanuel Cini, ġiet inawgurata minn Chev. Tonio Portughese, li huwa wkoll President Onorarju tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta.
Ġiet ikkummissjonata wkoll pittura mdaqqsa li għandha tkompli ssebbaħ is-sede ċentrali tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta. Din inħadmet mill-artist magħruf Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi u kienet irregalata mill-Familja Mangion.