Il-Ħamis filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela inawgura monument tal-ewwel Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Howard.
Il-monument inħadem mill-iskultur Malti Joseph G Scerri.
Fil-ġnien li huwa ddedikat għall-istess Howard fir-Rabat Malta, il-Prim Ministru qal li llum qed infakkru lil dawk li ġew qabilna, fejn tenna li qatt m’għandna ninsew ħidmet missirijietna.
Huwa semma wkoll kif fiż-żmien li fih għex Howard twittiet it-triq għal Malta Indipendenti u Repubblika.
Dr Abela semma l-bidliet leġiżlattivi li saru dan l-aħħar fosthom uħud li kellhom bżonn il-vot taż-żewġ terzi mill-Parlament.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera ta ħarsa lejn il-politika ta’ żmien Joseph Howard u semma l-importanza ta’ attivitajiet simili li jkomplu jippreservaw l-istorja sinjura ta’ pajjiżna.
Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti wkoll il-pro-neputi ta’ Joseph Howard, Edgar Gatt, li qal kif zijuh kien spiċċa orfni wara li ommu u missieru kienu fost dawk li mietu bl-influwenza Spanjola.