Fi Ġnien Dom Mintoff f’Raħal Ġdid ġie inawgurat monument f’ġieħ l-istess eks Prim Ministru.
Il-mafkar inkixef waqt serata organizzata mill-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid, mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku Dominic Grima, u l-kunsillieri tal-lokalità.
Il-monument sar b’investiment ta’ €170,000, li 60 fil-mija minnhom ġew iffinanzjati mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema “Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali, Komunitajiet Isbaħ u Aktar b’Saħħithom.” Il-kumplament tal-finanzjament ġie investit mill-fondi tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-iskema huwa li tgħin b’mod finanzjarju lill-kunsilli lokali jwettqu proġetti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ħaseb li monument f’ġieħ Dom Mintoff f’dan il-ġnien huwa denju għax jikkumplimenta t-tifkiriet storiċi attwali tal-madwar. Dan il-ġnien jinsab biswit Triq it-28 ta’ April 1958, li tfakkar ġrajja meqjusa bħala l-bidu tat-triq li wasslet għall-kisba tal-Ħelsien ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, fl-akwati ta’ dan il-ġnien wieħed isib binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u skejjel li nbnew fil-ħamsinijiet, fż-żmien meta l-Perit Mintoff kien Prim Ministru.
L-artist ta’ dan il-monument huwa l-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi. L-abbozz tiegħu intgħażel minn ġurija indipendenti u wara ġie approvat ukoll mill-Kunsill Lokali. L-għażla saret wara proċess rigoruż skont ir-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku.