F’Ħad-Dingli ġie inawgurat Misraħ Santa Duminka, spazju miftuħ ġdid li minnu se tgawdi l-komunita.
Dan tħabbar sar permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, flimkien ma’ INDIS Malta, NDSF u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.
Dan l-ispazju, biswit il-kappella ta’ Santa Duminka mibni fuq 800 metru kwadru ta’ art li sa ftit taż-żmien ilu kienet mitluqa, se jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għall-familji tal-madwar. Dan il-misraħ qed jirrispetta l-passaġġ Malti b’siġar taż-żebbuġ u ċipress.
B’rabta ma’ dan, il-Ministru responsabbli Silvio Schembri qal li INDIS Malta għandha l-għan li tamministra ż-żoni industrijali f’pajjiżna u talloka spazji biex jintużaw għall-fabbriki, iżda wkoll qed tappoġġja numru ta’ proġetti bħal dan tal-lum, bi spazji miftuħa fil-qalba tal-irħula jew żoni industrijali.