Illum is-Sibt 30 ta’ Marzu, l-Onorevoli Dr. Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien ma’ Birżebbuġa Scout Group, inawguraw masġar fil-Kwartieri Ġenerali tal-grupp. Matul dan il-proġett, inżergħu ‘il fuq minn 30 siġra lokali, bħal tal-prinjol u bruka fost oħrajn.
Arja nadifa hija dritt ta’ kull Malti u Għawdxi u ambjent aħjar iwassal għal saħħa aħjar għal kulħadd. Għaldaqstant hija prijorita tal-Gvern li jara li joħloq kemm jista’ jkun spazji pubbliċi u rikreattivi li minnhom igawdu l-familji, u f’dan il-każ, it-tfal, li jagħmlu użu minn dan is-sit.
Malta huwa pajjiż żgħir, fejn l-ekonomija qiegħda kull ma jmur, dejjem tikber u magħha, qed jikbru wkoll l-isfidi ambjentali. Barra minn hekk, Malta hija gżira b’densita għolja u għalhekk, waħda mill-isfidi ambjentali li għandu quddiemu dan il-Gvern huwa li jsib bilanċ bejn l-ispazju mibni u dak rurali.
Sfortunatament, l-inċidenza ta’ mard respiratorju f’Malta li hija għolja. Dan il-Gvern huwa konxju u sensittiv għal dan u qed jieħu bl-akbar serjeta din il-problema u qed jindirizzaha b’mod effettiv.
Hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali ta’ Gvern ġdid Laburista, il-Gvern qiegħed iħares l-ambjent kontinwament u qiegħed jinċentiva t-tħawwil ta’ aktar siġar u għaldaqstant bl-għajnuna tal-Onorevoli Stefan Zrinzo Azzopardi, ġie varat dan il-proġett, li minnu se jkunu qed igawdu numru konsiderevoli ta’ Scouts, kemm mill-lokalita ta’ Birżebbuġa, kif ukoll Scouts Groups oħrajn li jutilizzaw din il-Camp Site fil-ħin rikreattiv tagħhom.
Sabiex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq, l-Onorevoli Stefan Zrinzo Azzopardi ħadem mill-qrib mal-għaqda ambjentali Għaqda Siġar Maltin, fejn flimkien ipprovdew tagħrif lill-Cub Scouts, Scouts u Ventures dwar il-ħarsien tas-siġar f’pajjiżna u l-benefiċċju li s-siġar iħallu fl-ambjent naturali ta’ pajjiżna.