Ġie inawgurat learning hub ġdid fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li huwa mgħammar bi klassijiet moderni u b’dak kollu meħtieġ biex ikun jista’ jintuża għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kemm tal-ħaddiema kif ukoll għall-priġunieri.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li tenna kif il-Gvern, flimkien mad-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-professjonisti fil-Faċilità, għamel u qiegħed jagħmel bidla totali, b’tentattiv ġenwin favur aktar riabilitazzjoni.
“Il-ħabs għamilna u għadna qed nagħmlu bidla totali. Minn ħabs bla dixxiplina, bla ordni u bla ebda forma ta’ riabilitazzjoni, illum naħdmu ħafna għax għandna ħabs ordnat, nistgħu niffokaw fuq ir-riabilitazzjoni u propju dan il-post, il-learning hub huwa parti kbira minn dik ir-rijabilitazzjoni għaliex nixtiequ li persuna tkun qed tiskonta sentenza ta’ priġunerija tkun tista’ wkoll waqt dik is-sentenza, titgħallem, titħarreġ sabiex la darba tkun irritornata lura fis-soċjetà tagħna tkun persuna aħjar.”
Il-Ministru Byron Camilleri

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma tenna l-importanza tal-edukazzjoni fil-proċess ta’ riabilitazzjoni.
“Intuwhom opportunità li jirrintegraw ruħhom fis-soċjetà, l-edukazzjoni kemm dik akkademika u anki tat-trades, nista’ nsemmi ideat bħall-mastrudaxxi, korsijiet tal-ħadid. Jiġifieri korsijiet li jista’ jkun jolqtu l-bżonnijiet ta’ kulħadd.”
Chris Siegersma, Kap Eżekkutiv, CSA
