Fit-Torri ta’ San Luċjan, f’Birżebbuġa, ġie inawgurat laboratorju ġdid b’investiment ta’ €230,000.
Dan l-investiment huwa parti minn proġett bl-isem ta’ ‘Bythos’, li l-għan primarju tiegħu huwa li jsir studju fuq ix-xewk tal-ħut, li s’issa kien jintrema.
L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett, li tnieda fl-elfejn u tmintax u laħaq il-qofol tiegħu matul din is-sena, hu li jsiru studji xjentifiċi fuq il-potenzjal kummerċjali tal-fdalijiet tal-ħut wara li dan ikun ġie pproċessat.
Il-fdalijiet tal-ħut, inkluż dak mit-tkabbir tat-tonn, huma sors tajjeb ta’ proteini, kolleġeni, u molekuli bijoattivi b’karatteristiċi antibatteriċi, antimikrobiċi u kontra t-tumuri, u li jistgħu jintużaw fl-industriji tal-farmaċewtika, tan-nutriċewtika, u tal-kożmetika.
Barra min hekk, l-iskart organiku li ma jkunx intuża għal dawn l-għanijiet imsemmijin jista’ jiġi pproċessat f’għalf tal-ħut sabiex noqorbu aktar lejn operat ta’ ‘Żero Skart’.
Dan jgħin lill-industrija biex tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ambjent.
Dan il-laboratorju se jintuża wkoll mill-istudenti tal-Università ta’ Malta u tal-MCAST għal skopijiet ta riċerka.
Id-Direttur tal-Akwakultura, Dennis Calleja, qal li dan l-investiment huwa eżempju ċar kif ix-xjenza ta’ madwarna tista tgħin biex jitnaqqas it-tniġġis.
Huwa spjega li dan il-proġett kien opportunità ta’ trasferiment ta’ għarfien li jgħin lill-industrija tikber b’mod sostenibbli.
Calleja qal, “Il-proġett kien iffukat preċiżament biex jagħti valur lill-iskart. F’dan il-każ partikolari qed nitkellmu fuq skart li huwa ġġenerat mill-industrija tat-tonn, fejn wieħed ra kif dan l-iskart jista’ jiġi użat b’mod differenti minn dak li ssir qabel.”
Is-Segretarju Parlamentarji għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li s-settur tal-akwakultura huwa kruċjali mhux biss f’Malta iżda wkoll fl-Ewropa, fejn l-akwakultura u l-istudji dwarha huma importanti ħafna.
Bugeja Said stqarret, “Illum qed naraw investiment ta’ mitejn u tletin elf ewro li proprju huwa preċiżament marbut mis-settur tal-akwakultura, sabiex aħna nkomplu ninvestu f’akwakultura aktar nadifa, sabiex ninvestu għall-futur tal-istudenti fejn tidħol l-edukazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar se jkollna akwakultura aktar sostenibbli.”
Dawn il-proġetti se jiġu implimentati matul il-programm operattiv bejn 2021 u 2027.
.