Ġie inawgurat uffiċċju tal-Pulizija fil-Komunità f’Marsaxlokk.
Bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju, li sar b’investiment ta’ aktar minn mitt elf ewro, ħamsa u sebgħin fil-mija ta’ Malta issa huma koperti mis-servizz tal-Pulizija fil-Komunità. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, is-servizz se jkun ġie estiż mal-pajjiż kollu.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.
L-uffiċċju huwa proprjetà tal-Pulizija, li xtrat il-post. Qabel, l-għassa tal-Pulizija kienet żewġ bibien ’il fuq u kienet mikrija mingħand il-privat mingħajr ir-rekwiżiti kollha meħtieġa biex topera fiż-żmien tal-lum, fosthom l-aċċessibilità għal kulħadd.
L-Ispettur Mark Cremona spjega li l-Uffiċċju fih kmamar bi spażju adegwat biex l-Uffiċjali tal-Komunità jkunu jistgħu joperaw b’mod komdu fl-istess waqt li huwa aċċessibbli għal kulħadd.
“Illum ftaħna b’mod uffiċjali l-Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità minn fejn fih se joperaw il-Pulizija tal-Komunità, it-tim jieħu ħsieb l-area ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Il-ħsieb hu li dan l-uffiċċju jintuża biex it-tim ikun jista’ jikkollabora mal-Kunsill Lokali u entitajiet oħra biex, fl-aħħar mill-aħħar, ir-residenti ta’ Marsaxlokk ikunu jistgħu jgħixu b’mod aktar sigur u aħjar.”
Il-Ministru Camilleri qal li s-sigurtà tan-nies, tal-familji, kienet u se tibqa’ prijorità għal dan il-Gvern.
Huwa fakkar f’numru ta’ episodji meta l-Pulizija tal-Komunità kienu deċiżivi biex jgħinu u jassistu.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li dan il-proġett huwa turija tal-ħidma li qed issir biex jittejjeb l-ambjent ta’ madwarna, għall-benefiċċju kemm tan-nies kif ukoll tal-Pulizija.