Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-ewwel laboratorju tad-DNA akkreditat bi standards Ewropej.
Il-settur privat irrisponda għal espressjoni ta’ interess maħruġa mill-Gvern, li permezz tagħha t-tmexxija tal-laboratorju tad-DNA privat li kellna f’Malta issa se tkun tifforma parti mill-Malta Laboratories Network.
Il-laboratorju l-ġdid tad-DNA, li jinsab fil-Life Sciences Park, se jġib miegħu diversi vantaġġi. Qabel il-Gvern kellu żewġ għażliet għall-analiżi ta’ kampjuni tad-DNA; jibgħathom għand il-privat fiċ-ċentru tal-inkubazzjoni, fejn ma setgħux jinżammu għal tul ta’ żmien, inkella jibgħathom barra minn Malta.
Din il-proċedura spiss kienet tispiċċa tiswa eluf kbar ta’ ewro, għaliex anki jekk it-testijiet infushom ma jkunux jiswew ħafna flus, il-Qorti titlob ix-xhieda tal-analisti tal-kampjuni. Dawn ikollhom jinġiebu minn barra u jiġu kkumpensati, minbarra l-ispejjeż tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni. Din is-sistema kienet twassal ukoll għal iktar dewmien fil-Qrati.
F’dan il-labaratorju se jsiru testijiet forensiċi bħala parti mill-inestigazzjonijiet tal-Pulizija u se jiġu annalizati f’inqas minn 24 siegħa.
Il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jżur dan il-laboratorju mgħammar bl-aqwa apparat teknoloġiku. Huwa qal li dan il-proġett se jfisser opportunitajiet ta’ xoghol għal studenti li jigradwaw fix-xjenza.
https://youtu.be/Z-X-dwAxR38