Fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Enemalta nawgurat proġett ta’ €90 miljun li jinkludi 23 turbina tar-riħ mifruxa fuq medda ta’ 13-il kilometru ta’ art fil-Montenegro.
Dan il-proġett li sar permezz ta’ kollaborazzjoni li l-Enemalta għandha ma’ Shangai Electric Power huwa l-ewwel investiment Malti fl-enerġija barra minn xtutna.
Il-Gvern saħaq li minn korporazzjoni falluta, deskritta bħala mażra ma’ għonq l-ekonomija Maltija, issa l-Enemalta mhux biss raħħset il-kontijiet tad-dawl iżda anki qed tifrex l-operat tagħha.
Dan il-proġett ta’ 46 megawatt tlesta fi tliet snin u se jkun jista’ jiġġenera 112-il gigawatt fis-siegħa ta’ elettriku. Din l-enerġija nadifa li se tkun qed tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija fil-Lvant tal-Ewropa.
F’diskors li għamel l-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi sostna li dan il-Gvern poġġa s-settur tal-enerġija bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett f’Mozura kien hemm ukoll il-Prim Ministru tal-Montenegro Duško Marković.
Aktar qabel f’laqgħat bilaterali bejn il-Prim Ministru Malti u dak tal-Montenegro intqal li l-ewwel investiment tal-Enemalta barra l-pajjiż huwa vot b’saħħtu ta’ fiduċja fil-Montenegro.
Dr Muscat qal li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi m’għandiex tieqaf fuq il-proġett tat-turbini tar-riħ iżda tista’ tikber u tissaħħaħ f’oqsma kruċjali permezz ta’ ideat innovattivi.
Il-Prim Ministru tal-Montenegro rringrazzja lil Malta li qed tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Montenegro li jixtieq jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest Dr Joseph Muscat qal li l-attitudni tal-Gvern tal-Montenegro hija waħda tajba li tistenna għall-evalwazzjoni teknika tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa qal li l-Montenegro għandu jibqa’ jagħmel it-tibdiliet pożittivi meħtieġa u fakkar kif f’summit għall-mexxejja Ewropej huwa kritika lill-Unjoni Ewropea li qalet li jeħtieġ iżjed żmien biex ikun hemm diskussjoni dwar il-ftuħ ta’ negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija.
Muscat esprima d-diżappunt tiegħu u qal li l-Ewropa tista’ titlef il-kredibilità tagħha meta jeħtieġilha aktar minn qatt qabel li tiftaħ djalogu ma’ pajjiżi li ġejjin mill-Balkani.